Diskors tal-Onor. Stephen Spiteri | 23.09.2011 | Floriana
Sinjuri,
Kien ta’ pjaċir għalija nirċievi l-istedina mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa biex niftaħ din il-konferenza u dan għal żewġ raġunijiet.
L-ewwelnett inqis il-Kunsill bħala entità li qed twettaq ħidma importanti biex il-mara Maltija tgawdi mill-istess opportunitajiet li jgawdi minnhom ir-raġel u biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ma tkunx biss xewqa fuq karta iżda mira li nilħqu u nsaħħu.
It-tieni - għaliex it-tema tal-konferenza – il-volontarjat – hi waħda għal qalbi. L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-importanza tal-volontarjat fil-pajjiżi membri tagħha u kien għalhekk li għażlet din is-sena bħala s-sena ddedikata għall-volontarjat.
L-għan ewlieni ta’ sena ddedikata għall-volontarjat huwa li jikber iżjed dan il-qasam … li aktar ċittadini jħossu l-ħtieġa li jivvolontarjaw irwieħhom biex jgħinu lil min hu fil-bżonn jew biex iwettqu proġett li mhuwiex sempliċiment għall-interess uniku tagħhom. Iżda l-volontarjat mhuwiex biss karitatevoli. Il-volontarjat huwa investiment għax joffri rikreazzjoni, taħriġ, tagħlim f’ħiliet ġodda, ħbiberiji, esperjenzi pjaċevoli u – fuq kollox – element qawwi ta’ sodisfazzjon.
Madwar l-Ewropa huwa kkalkulat li hemm 100 miljun persuna li jaħdmu fil-qasam tal-volontarjat. Għalkemm l-istatistika f’pajjiżna tpoġġi n-numru ta’ persuni li jaħdmu fil-volontarjat qrib it-30,000, fil-verità nemmen li hemm ħafna iżjed, meta tqis l-organizzazzjonijiet sportivi, reliġjużi, ambjentali, ċiviċi, mużikali u oħrajn, li jiddependu kompletament fuq il-volontarjat. Minn banda tar-raħal, li taħdem sena sħiħa fuq bażi volontarja u tħarreġ aljievi ġodda u ttella’ produzzjonijiet teatrali u mużikali tul is-sena, sa kumpanija li taħdem għall-karnival u li tiġbor grupp ta’ żgħażagħ kull filgħaxija għal xhur sħaħ, il-volontarjat f’Malta huwa settur b’saħħtu u li jeħtieġ jiġi mħares.
Huwa grazzi għall-volontarjat li llum għandna l-pajjiż li għandna. Meta wieħed jagħti ħarsa lejn l-attivitajiet li jkunu għaddejjin madwarna, lejn is-servizzi offruti fuq bażi volontarja, lejn il-programmi li jistgħu jibbenefikaw minnhom it-tfal, l-istudenti, il-morda u l-anzjani, wieħed jirrikonoxxi li jekk ikollu jisparixxi l-volontarjat minn pajjiżna, ibati kulħadd.
Biex insaħħu u ninkoraġġixxu l-volontarjat irridu, l-ewwelnett, nagħrfu x’inhuma l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom dan is-settur. Fuq quddiem nett hemm żgur l-isfidi finanzjarji u ta’ riżorsi umani. Ħafna organizzazzjonijiet volontarji jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi finanzjarji regolarment u sikwit jiddependu biss fuq id-donazzjonijiet u sponsorships. Iżda għal organizzazzjonijiet volontarji oħrajn is-sitwazzjoni hija differenti, anke grazzi għal pjan sostenibbli u fit-tul, li jippermetti lill-organizzazzjoni tikber, tidħol għal proġetti ġodda u – fil-proċess – tattira iżjed membri.
Fejn jidħlu fondi, il-Gvern huwa kommess li jgħin lill-organizzazzjonijiet volontarji jattiraw kemm jista’ jkun fondi mill-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, tlett snin ilu waqqafna l-MEUSAC u ħloqna wkoll fondi ta’ ko-finanzjament biex inkomplu ngħinu, bħala Gvern, lil dawk l-għaqdiet li jkunu akkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea iżda li xorta jkollhom bżonn iħallsu parti mill-ispejjeż huma stess.
Bejn l-2009 u l-2011, il-MEUSAC għen 19-il proġett ta’ Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi – ħafna minnhom immexxija mill-volontarjat - li bejniethom qed jibbenefikaw minn ftit iktar minn €3.2 miljun. Għad hemm 10 inizjattivi oħra ta’ NGOs jistennew għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet li kienu sottomessi fil-ġimgħat li għaddew.
Il-proġetti li diġa qed kisbu finanzjament jinkludu volontarjat f’pajjiżi tat-Tielet Dinja; promozzjoni għall-volontarjat fost iż-żgħażagħ; għarfien dwar is-sena Ewropea għall-Kreattività u l-Innovazzjoni; attivitajiet b’rabta mal-kampanja tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; korsijiet ta’ taħriġ għat-tisħiħ tal-ħiliet tal-membri; u kampanji ta’ informazzjoni.
Uħud minn dawn l-NGOs, mhux talli qed ngħinuhom jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea, talli qed ngħinhom jiffinanzjaw il-parti tal-proġett li suppost jiffinanzjaw huma. Hekk per eżempju din is-sena sitt NGOs irċevew qrib il-€130,000 mill-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs imħaddem mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika.
Bejn l-2009 u l-2010, dan il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs għen 16-il proġett differenti minn total ta’ 23 proġett li kienu sottomessi. Bejniethom l-NGOs li bbenefikaw mill-Fond, assorbew €11.7 miljun f’fondi Ewropej. Il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għen dawn l-istess proġetti b’aktar minn €400,000 addizzjonali. Li kieku l-Fond ta’ Ko-Finanzjament ma kienx jeżisti, parti minn dawn il-fondi Ewropej setgħu jintilfu.
Fis-snin li għaddew waqqafna wkoll il-Fond għas-Soċjeta’ Ċivili maħsub biex jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-NGOs – għajnuna li titla’ sa 80 fil-mija fuq spejjeż relatati mal-ħidma tal-istess NGOs. Mill-Fond ta’ din is-sena 25 organizzazzjoni qed jirċievu aktar minn €60,000 bejniethom.
Dan kollu jixhed l-appoġġ kontinwu li bħala Gvern u entitajiet governattivi oħra qed nipprovdu lis-settur tal-volontarjat u lill-NGOs f’pajjiżna.
F’Malta għandna mal-2,000 organizzazzjoni volontarja. Jekk iżjed organizzazzjonijiet volontarji jikkollaboraw iżjed flimkien, ikunu qed inaqqsu l-piż amministrattiv tagħhom, inaqqsu d-dupplikazzjoni tax-xogħol u joħorġu b’riżultat iżjed effettiv. Iżjed kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji taf tkun is-sigriet għall-problema ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani li jbatu minnha xi għaqdiet volontarji.
Il-volontarjat ma jagħmilx biss differenza ekonomika, iżda anke soċjali u kulturali. Jekk wieħed iqis l-għaqdiet tal-baned f’Malta, biex nieħdu eżempju wieħed, dawn jiddependu kompletament fuq il-volontarjat. L-istess ħafna għaqdiet teatrali fl-irħula u l-bliet tagħna, l-għaqdiet sportivi, it-timijiet tal-futbol u l-għaqdiet taż-żgħażagħ. Il-volontarjat jattira nies minn kull ġenerazzjoni, iżda naraw predominanza ta’ żgħażagħ fis-settur li jagħżlu li jagħtu ftit minn ħinhom mhux biss għar-rikreazzjoni u l-iżvilupp tagħhom, iżda għal interess usa’.
Matul is-sena, sena wara l-oħra, kontinwament naraw il-frott tal-volontarjat fil-lokalitajiet tagħna. Kważi ma ssibx attività waħda fil-lokalitajiet tagħna li ma ġġibx magħna impenn volontarju.
Huwa għalhekk fundamentali li niżirgħu ż-żerriegħa tal-volontarjat anke fit-tfal iż-żgħar tagħna, sabiex jikbru konxji tal-qawwa tal-volontarjat u tal-importanza tiegħu. Huwa l-ħsieb tal-Gvern li jinkoraġġixxi aktar studenti jivvolontarjaw irwieħhom u jiġu kkreditati ta’ dan fl-ischool leaving certificate fi tmiem l-iskola sekondarja. Fl-Università, imbagħad, studenti diġà jibbenefikaw mill-attivitajiet volontarji tagħhom permezz tas-sistema Credit Plus. Huma inizjattivi li bihom qed nonoraw il-volontarjat u nħajru iżjed studenti jipparteċipaw fis-settur.
Il-volontarjat jagħti skop lil ħafna nies, fosthom lil ħafna żgħażagħ. Joffri wkoll pjattaforma għal ħafna talent ġdid, li – altrimenti – ikun diffiċli li nsiru nafu bih. Fuq kollox, il-volontarjat jagħti ħafna ferħ u sodisfazzjon.
Huwa għalhekk importanti li niċċelebraw stejjer ta’ suċċess fil-volontarjat. Stejjer ta’ nies li ħajjithom saret iżjed interessanti grazzi għall-impenn volontarju tagħhom … stejjer ta’ ħbiberiji li tnisslu grazzi għall-volontarjat … stejjer ta’ nies li tħarrġu f’dak li l-iżjed jieħdu gost jagħmlu grazzi għall-volontarjat … u oħrajn li bdew toroq ġodda f’ħajjithom grazzi għal esperjenzi volontarji.
Ma nixtieqx intawwal għaliex il-programm huwa wieħed vast u persważ li kulħadd jixtieq jikkontribwixxi bil-fehmiet tiegħu.
Għalhekk nagħlaq billi nifraħ lill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa għal din l-inizjattiva, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet imsieħba Nature Trust, il-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Nirringrazzjakom.