Sinjuri, qabel xejn bħala Kap tas-segretarjat tal-Ministru għal Għawdex, nixtieq nagħtikom merħba f’dan il-bini minn fejn prattikament huwa ċċentralizzat ix-xogħol b’risq din il-gżira ta’ Għawdex. Gżira li hija mogħnija bi tradizzjoni kulturali u folkloristika li huma karaterristiċi ewlenin li jagħmlu minn Għawdex destinazzjoni distinta.
Għaliex ngħid dan? Inthom li ħafna minnkom tgħixu f’Malta u li inthom bħalna kburin bl-istorja ta’ dan il-pajjiż, żgur li tapprezzaw li f’Għawdex għadhom jinstabu karatteristiċi li forsi naqsu xi ftit fuq il-gżira l-kbira. Minbarra t-trankwillità u xeni pittoreski, f’Għawdex għadna nsibu ambjent rurali u rustiku li jattira tant Maltin u barranin. Dan huwa dovut ukoll għall-ħidma agrikola li f’Għawdex tagħti kontribut kbir fiż-żamma ta’ l-inħawi rurali.
Il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex tfittex li tħares l-interessi speċifiċi tal-gżira ta’ Għawdex billi tippromwovi titjib kontinwu fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali filwaqt li tipproteġi l-ambjent naturali u l-identità kulturali tal-gżira. Dak li minn dejjem kien l-għan prinċipali tal-ħidma ta’ dan il-Ministeru ġie msaħħaħ permezz tal-viżjoni eko-Għawdex li tiġbor fiha miri ambizzjużi iżda fattibli, biex verament nagħmlu mill-gżira ta’ Għawdex, Għawdex aħjar.
Għalhekk il-qasam kulturali u tradizzjonali huwa wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom hija mibnija l-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex anke b’kollaborazzjoni ma’ Ministeri oħrajn. Nemnu li dan il-qasam huwa parti intrinsika mill-poplu Għawdxi u għalhekk irridu nippromwovuh biex filwaqt li nżommu tradizzjonijiet qodma ħajjin nippriservaw l-identità li sawret il-poplu Għawdxi.
Fl-opinjoni tiegħi din hija karatteristika ewlenija li jinħtieġ li nesponuha u nippromwovuha. L-insularità doppja ta’ Għawdex tikkawża sfidi partikolari fil-qasam ta’ l-impjiegi. Iżda din l-insularità swiet ukoll biex Għawdex żamm din l-identità partikolari anke permezz tal-ħila tal-poplu Għawdxi. Inthom li inthom midħla tax-xogħol artiġjanali tapprezzaw l-artiġjanat li għadu jinħadem b’tant sengħa minn numru ta’ Għawdxin. Il-cottage industry, matul iż-żmien swiet biex tpatti għan-nuqqas ta’ xogħol li kien hawn fuq il-gżira. Hija storja riċenti dik ta’ Dun Gużepp Diacono li fl-aħħar tas-seklu dsatax nibbet l-industrija tal-bizzilla li swiet biex tant familji setgħu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Fost snajja oħra nistgħu nsemmu dak maħdum bil-qoton jew bis-suf tan-ngħaġ fix-xogħol tan-newl.
Is-snajja ta’ l-irġiel swew biex inżammu mezzi tradizzjonali fl-agrikoltura u s-sajd li permezz tagħhom inżammu dawk li llum nsibuhom prattiċi tajbin. Huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw li f’dawn l-aħħar snin reġa nibet l-interess fil-proċess naturali tat-tkabbir tal-ħxejjex u l-frott biex jiġi mnaqqas l-użu tal-pestiċidi. Dan jagħti lil konsumatur prodott aktar bnin filwaqt li jnaqqas il-ħsara li ssir lill-ambjent naturali. Illum naraw żieda fit-tkabbir ta’ l-għeneb, iż-żebbuġ u ċ-ċitru li minnhom jiġu proċessati prodotti ġenwini li huma wkoll reklam għal Għawdex.
Ilkoll tapprezzaw lid an kollu ma sarx waħdu iżda sar b’ħidma kollettiva li kienet xprunata u proġettata fl-interess tal-gżira Għawdxija u tal-poplu tagħha. Fl-ewwel snin ta’ sħubija fl-unjoni ewropea, fost il-proġetti li saru bis-saħħa ta’ k-finanzjament ewropew, saru korsijiet relatati ma’ l-agrikoltura, il-vitikoltura, l-użu tal-pestiċidi u prattiċi agrikoli tajbin, it-tkabbir ta’ l-annimali tar-razzett u suġġetti oħra relatati. Huwa ta’ min ifaħħar l-interess f’dawn il-korsijiet li kien wieħed inkoraġġanti u li permezz tiegħu żdied l-għarfien dwar dawn is-setturi. Dawn il-korsijiet swew ukoll biex dawk li kellhom ir-raba tħajru jaħdmuh bi prattiċi naturali u llum irnexxielhom jibdew proċess ta’ tkabbir u għasir ta’ għeneb Għawdxi mingħajr l-użu ta’ pestiċidi. Qed naraw jiżviluppa wkoll l-agri-turiżmu li huwa iva marbut ma’ l-agrikoltura iżda li f’Għawdex għandu tant iżjed x’joffri.
Il-cottage industry hija element bażiku f’dak li hu agri-turiżmu għax toffri prodott awtentiku maħdum u pproċessat fil-post. Iżda min jiġi Għawdex jista’ jgawdi l-ambjent agrikolu u rurali li hemm ftit passi ‘l bogħod minn siti storiċi li jirriflettu l-istorja ta’ din il-gżira mifruxa fuq eleuf ta’ snin. Meta wieħed iżur it-tempji tal-Ġgantija jkun ftit passi ‘l bogħod minn inħawi rurali mimlija siġar tal-frott, dwieli, jew silla u żergħa speċjalment fir-Rebbiegħa u s-Sajf.
Dan kollu jarrikkixxi l-prodott turistiku Għawdxi li bis-saħħa ta’ l-intraprenditorija tas-sidien ta’ l-istabilimenti Għawdxin illum joffru servizz li jħabbatha ma’ dak ta’ pajjiżi oħra filwaqt li jżomm l-identita’ tal-gżira. Dan joħroġ b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-akkomodazzjoni fejn kulħadd japprezza l-prodott uniku offrut mill-farmhouses mxerda mal-gżira. Din it-tip ta’ akkomodazzjoni nistgħu ngħidu li hi unika u sservi ta’ attrazzjoni għal eluf ta’ Maltin u barranin li jagħmlu użu minnu matul is-sena.
Għawdex għandu bżonn dan it-tip ta’ prodott għax hu prodott li jikkumplimenta t-tradizzjoni, il-kultura u l-ambjent rurali filwaqt li joffri faċilitajiet mill-aqwa lit-turist. Il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fil-kuntest tal-viżjoni eco-Għawdex ser tkun immirata lejn dawn il-valuri li filwat li rridu li nżidu l-iljieli li jqattgħ t-turisti f’Għawdex matul is-sena rridu nassiguraw ukoll li kull żvilupp isir fl-ambitu ta’ żvilupp sostenibbli. B’hekk inkunu qed nassiguraw li dak li qegħdin ngawdu llum jibqgħu igawduh dawk li ser jiġu warajn u possibilment ikun aħjar.
Ovvjament dan irid kollaborazzjoni u ħidma kollettiva minn dawk kollha involuti. Wara l-interess u l-feedback pożittiv li rċevejna fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar eco-Għawdex nemnu li huma ħafna dawk li jaqblu ma’ din il-viżjoni. Fil-bidu tal-ħidma tagħna f’dan il-proċess tajna mportanza qawwija lil qasam edukattiv għax nemnu li din twassal biex tnissel fit-tfal u żgħażagħ tagħna xewqa u rieda qawwija biex lkoll nibżgħu għal din il-gżira. Gżira li n-natura żejnietha bi ħwejjeġ sbiħ li l-ewwel u qabel kollox igawdi minnhom l-poplu Għawdxi. Irridu li ħafna aktar nies ikollhom l-opportunita li jaqsmu magħna l-esperjenza ‘Għawdex’ u ser inkomplu naħdmu biex din l-esperjenza tkun waħda li tissodisfa l-aspettattiva u possibilment tmur oltre minn dak li jistenna l-viżitatur.
Il-mira bazika tal-vizjoni eko-Ghawdex hija li sas-sena 2020 Għawdex isir gzira ekologika, bl-għajnuna ta’ komunità ħerqana u deciza li tilħaq il-miri ta’ socjetà sostenibbli. F’Għawdex se nfittxu li nnaqqsu l-impronti (footprints) tal-ilma u tal-karbonju. Irridu nindukraw dak kollu li jagħmel din il-gzira unika; l-istil tal-ħajja, l-ambjent, ir-rizorsi, il-kultura u l-identità. Irridu naraw il-kwalità tal-ħajja f’Għawdex tkompli titjieb permezz ta’ investiment kontinwu fl’ edukazzjoni, l-ambjent, l-izvilupp ekonomiku, u l-progress socjali.
Nagħmlu mezz kif dawn kollha jgħinuna nigbdu aktar vizitaturi u investituri lejn din il-gzira. Hija ambizzjoni kbira, izda bil-kontribut ta’ dawk kollha nvoluti, ibda mill-Gvern, is-sehem tas-settur privat, l-inizjattiva tal-ghaqdiet u NGO’s taghna, u fuq kollox, il-commitment indvidwali taghna kollha, jirnexxilna naslu ghall-mira ambizzjuza ta’ eko-Għawdex – gzira mudell ta’ zvilupp sostenibbli li jippreserva dak li Għawdex wiret minn natura u permezz tal-poplu ħawtiel tiegħu filwaqt li jiggarantixxi kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal dawk li jgħixu jew jiġu f’kuntat mal-gżira.